
Il-Proġett BCThubs jikseb it-tieni post fil-Premju tas-Sostenibbiltà fis-Servizz Pubbliku
- Categories Ahbarijiet, Research
- Date October 16, 2025
Id– Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tindif Pubbliku ppreżenta l-ewwel Premjijiet għall-Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru, biex jippremja intrapriżi u proġġetti eċċezzjonali fil-qasam tas-sostenibbiltà madwar Malta.
Il-premjijiet ġew organizzati bl-appoġġ tal- Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali , il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, is– Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni , kif ukoll l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi .
Il-proġett BCThubs , proġett iffinanzjat mill-UE, kiseb it-tieni post fil-Premju tas-Sostenibbiltà fis-Servizz Pubbliku, b’rikonoxximent għall-kontribut tiegħu bħala mexxej fl-innovazzjoni u l-prattiki sostenibbli, bil-għan li jsaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.
BCThubs huwa konsorzju ta’ 15-il sieħeb f’Malta, il-Greċja u l-Bulgarija li qed jiżviluppaw hubs li jappoġġjaw soluzzjonijiet u prodotti innovattivi ġodda biex jiżguraw il-protezzjoni, ir-restawr, il-valorissazzjoni, il-ġestjoni, l-aċċessibbiltà u l-promozzjoni sostenibbli tal-Wirt Kulturali ta’ taħt l-Ilma (UWCH). Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, flimkien mal-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu, AquaBioTech u DAN Europe, jiffurmaw il-hub ta’ Malta.
Din il-kollaborazzjoni transkonfinali qed tgħaqqad atturi reġjonali, nazzjonali u internazzjonali relatati mal-Blue Culture u l-Wirt Kulturali ta’ taħt l-Ilma, inklużi l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-akkademja, in-negozji u intrapiżi, is-settur pubbliku u atturi soċjali biex kollha jaħdmu flimkien biex itejbu l-eċċellenza fl-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ ekonomija u kultura blu sostenibbli. L-għan huwa li dawn il-hubs jiġu ripplikati madwar id-dinja u jipprovdu teknoloġiji avvanzati, innovattivi u kost-effettivi fil-qasam tal-UWCH, inklużi siti affettwati mit-tibdil fil-klima u fatturi antropoġeniċi, kif ukoll biex jisaħħaħ s-sigurtà tal-għaddasa, u jippromwovu aċċessibbiltà pubblika akbar għall-Wirt Kulturali ta’ taħt l-Ilma.
Dan il-premju jenfasizza l-impenn kontinwu tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni li jikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli.
You may also like

Il-Konvenzjoni ta’ Valletta: 30 sena fil-prattika

Saffi Ġodda tal-Imgħoddi ta’ Malta Żvelati f’tal-Bidnija
Eżempji t’Arkittettura minn żmien l-Ingliżi fost ezempji ta’ propjeta’ miżgħjuda fl-Inventarju Nazzjonali ta’ Malta
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadha kif ippubblikat żidiet fl-Inventarju Nazzjonali, reġistru tal-proprjetà kulturali, assi u eżempji ta’ wirt kulturali relatati mal-Gżejjer Maltin. Din iż-żieda eżawrjenti tinkludi proprjetajiet magħżula mir-Reġistru tal-Proprjetajiet Skedati, u b’hekk isaħħu s-sinifikat tal-patrimonju kulturali inerenti tas-siti u jippermettulhom …