F’konformità mal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali twettaq il-funzjoni ta’ monitoraġġ ta’ restawr ta’ bini ta’ valur kulturali billi:
• Tipprovdi pariri professjonali dwar metodi ta’ restawr li huma konsistenti ma’ standards u prattiċi internazzjonali;
• Tivvaluta u tirrevedi d-Dikjarazzjonijiet ta’ Metodi ta’ Restawr u tax-Xogħol (Restoration & Works Method Statements) matul l-istadji ta’ konsultazzjoni waqt l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp;
• Tifformula u tikkomunika lill-Awtorità tal-Ippjanar il-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp (inklużi Garanziji Bankarji) sabiex tiżgura li l-patrimonju mibni jiġi ssalvagwardjat waqt l-iżvilupp;
• Tħares ix-xogħlijiet ta’ restawr sabiex tiżgura li x-xogħlijiet huma konformi mal-metodoloġija approvata u tagħti pariri professjonali f’każ li jkun hemm bżonn xi tibdil;
• Tiżgura li d-dokumentazzjoni dwar il-progress fi proġetti ta’ restawr tkun aġġornata.
Is-Sovrintendenza tirrispondi wkoll għal rapporti minn terzi jew mill-pulizija li jinfurmaw bi ħsara (jew theddida ta’ ħsara) għal patrimonju kulturali filwaqt li tassigura li ċertu każijiet jiġu nfurzati.