Importazzjoni, Esportazzjoni jew Moviment ta’ Oġġetti Kulturali
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-moviment ta’ oġġetti kulturali bejn Malta u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn jew lejn pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-każijiet spiss jiġu riferuti lis-Sovrintendenza mid-Dwana.
Esportazzjoni jew Moviment ta’ Oġġetti Personali (oġġetti mhux kulturali)
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tirrevedi l-esportazzjoni u l-moviment ta’ oġġetti personali minn Malta, tirrevedi l-listi tal-ippakkjar u d-dokumenti tad-Dwana qabel ma dawn jiġu pproċessati mid-Dwana stess. Dan il-proċess huwa applikabbli għal kunsinni ta’ oġġetti personali li ma jinkludux oġġetti kulturali, li huma soġġetti għall-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2019.
Sabiex jiġi żgurat li l-kunsinna ta’ beni personali ma jkunx fiha oġġetti ta’ valur kulturali, l-esportatur huwa meħtieġ jippreżenta formola ta’ dikjarazzjoni elettronika. Hawnhekk tista’ ssib ukoll ċirkulari dwar l-evalwazzjoni u l-ittimbrar ta’ dokumenti relatati mal-esportazzjoni ta’ oġġetti personali. L-applikazzjonijiet kollha huma soġġetti għal skrutinju.
Esportazzjoni Permanenti u Temporanja (inkluż fi ħdan l-UE) ta’ Xogħlijiet tal-Arti u Proprjetà Kulturali Mobbli
Kif preskritt fl-Artikolu 54 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, l-ebda persuna ma tista’ tesporta jew terġa’ tesporta xogħol tal-arti jew proprjetà ta’ valur kulturali mobbli minn Malta mingħajr il-permess bil-miktub tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. AKwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tikseb permess biex tesporta jew terġa’ tesporta oġġetti bħal dawn, tingħata l-parir li tindirizza talbiet simili lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali permezz tal-portal elettroniku. It-talba għal permess għandha tiġi ppreżentata mill-inqas ġimgħatejn qabel u għandha tinkludi formola ta’ identifikazzjoni kompluta għal kull oġġett, propost għall-esportazzjoni, kemm dik temporanja kif ukoll permanenti. Kull talba hija suġġett għal skrutinju u tista’ tiġi rifjutata.
Ċertifikazzjoni ta’ Importazzjoni ta’ Oġġetti Kulturali
Ta’ sikwit is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tintalab tiċċertifika l-oġġetti importati minn barra l-Unjoni Ewropea bħala oġġetti ta’wirt kulturali, u tikkonferma l-valur iddikjarat ta’ dawn l-oġġetti għal finijiet ta’ Dwana.
Kwalunkwe persuna li teħtieġ is-servizz tas-Sovrintendenza għaċ-ċertifikazzjoni ta’ oġġetti kulturali importati, tingħata l-parir li tikkomunika t-talba direttament permezz tal-portal elettroniku tagħna. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ oġġetti importati bħal dawn tkun teħtieġ l-eżami tal-oġġetti mal-wasla tagħhom fil-pajjiż, biex jiġi aċċertat il-valur iddikjarat tagħhom. Jeħtieġ li timtela formola tal-Identità tal-Oġġett (Importazzjoni) għal oġġetti ta’ valur kulturali importati. Din il-formola għandha tiġi sottomessa lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. L-eżami ta’ oġġetti kulturali jitwettaaq f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti u għalhekk huwa soġġett għal Tariffa ta’ Eżami ta’ 5% (ad valorem).