Il-Jiem Ewropej tal-Wirt huwa programm konġunt tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Unjoni Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta’ 50 pajjiż li huma Stati Membri fil-Konvenzjoni Kulturali Ewropea. Il-pajjiżi parteċipanti jorganizzaw avvenimenti msejsa fuq żewġ aspetti fundamentali tal-Jiem Ewropej tal-Wirt, jiġifieri l-aċċess liberu għal siti li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku, u r-relevanza għal tema komuni magħżula għal dik is-sena partikolari.
L-għan ta’ dawn l-avvenimenti huwa li jinkoraġġixxu liċ-ċittadini Ewropej jitgħallmu dwar il-patrimonju kulturali komuni tagħhom kif ukoll jinfurmaw il-pubbliku u lill-awtoritajiet politiċi dwar il-ħtieġa li jipproteġu l-patrimonju kulturali kontra theddid ġdid, jiġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija, u jinkoraġġixxu aktar tolleranza fl-Ewropa lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Malta kienet fost il-pajjiżi li pparteċipaw fl-ewwel avvenimenti tal-Jiem Ewropej tal-Wirt li ġew imnedija mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1985.
Dan l-avveniment iwassal għal 20 miljun viżitatur kull sena,li jagħmluh wieħed mill-aktar proġetti Kulturali Ewropeja sinifikanti li hu kondiviż min-nies tal-Ewropa. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hi l-Koordinatur Nazzjonali għal Jiem Ewropej tal-Wirt.