F’konformità mar-rwol tiegħu fil-liġi, is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali huwa legalment fdat biex jidħol f’atti ta’ kurazija f’isem l-Istat. L-atti ta’ kurazija huma ftehimiet ta’ ġestjoni li huma speċifikament iffukati li jassiguraw il-benesseri u l-kura ta’ proprjetà kulturali tal-Istat. Att ta’ kurazija jkun validu għal perjodu ta’ għaxar snin, u wara jkun jeħtieġ li jerġa’ jiġġedded.
Il-proprjetajiet li jikkwalifikaw għal atti ta’ kurazija jvarjaw minn strutturi żgħar għal dawk ta’ daqs medju li għandhom valur kulturali. Dawn il-proprjetajiet normalment kienu jsofru minn ħsara estensiva kkawżata minn negliġenza jew abbandun matul is-snin, jew kienu jservu għal użu li kienu inkompatibbli mal-valur tal-patrimonju tagħhom.
Il-proprjetajiet li bħalissa jinsabu f’kurazija jinkludu t-torrijiet kostali ta’ Żmien l-Ordni, fortijiet u l-istrutturi anċillari assoċjati magħhom, strutturi militari tal-Perjodu Ingliż, strutturi oħrajn tat-Tieni Gwerra Dinjija, ċimiterju storiku li jinsab fuq sur militari kif ukoll Knisja tal-Istat.
Skont l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445), Organizazzjonjijet Mhux Governattivi (NGOs) li huma rreġistrati fir-Reġistru tal-NGOs Kulturali u l-Kunsilli Lokali biss jistgħu jidħlu f’att pubbliku mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
L-ambitu tal-atti ta’ kurazija twessa’ bħala parti mir-reviżjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445) li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2019. Ir-reviżjoni ewlenija ppermettiet l-inklużjoni ta’ Heritage Malta – l-Aġenzija tal-Istat responsabbli mill-mużewijiet, il-prattika tal-konservazzjoni u l-patrimonju kulturali – bħala entità eliġibbli għal att ta’ kurazija.
Il-fondi ġġenerati mill-proprjetà storika kif ukoll permezz ta’ donazzjonijiet, jiġu investiti mill-ġdid għal ħtiġijiet ta’ restawr, manutenzjoni, rijabilitazzjoni u ġestjoni tal-proprjetà kulturali miżmuma f’kurazija.
Att ta’ kurazija jista’ jiġi konkluż biss mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali wara awtorizzazzjoni bil-miktub mill-Ministru responsabbli għall-Patrimonju Kulturali u wara rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat ta’ Garanzija. Il-qbil tal-Ministru responsabbli għall-Proprjetà tal-Gvern huwa mfittex ukoll matul dan il-proċess. L-atti jiġu eżaminati u kkunsidrati abbażi ta’ rekwiżiti ta’ konservazzjoni u ġestjoni stretti. Dawn ir-rekwiżiti jinvolvu studji tekniċi u ta’ fattibilità li huma marbuta mal-att ta’ kurazija u sottomessi għal approvazzjoni Ministerjali u tal-Kabinett.