Is-Sovrintendenza tirregola l-evalwazzjonijiet arkeoloġiċi u l-monitoraġġ tax-xogħlijiet ta’ żvilupp sabiex tiggwida d-deċiżjonijiet tal-ippjanar, xogħlijiet proġettati tat-toroq u tissalvagwardja l-assi kulturali matul ix-xogħlijiet li jkunu għaddejjin.
L-għan tal-monitoraġġ arkeoloġiku huwa li jiġi żgurat li xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma jirriżultawx, b’mod intenzjonat jew inċidentali, fi ħsara lil strutturi storiċi jew fdalijiet arkeoloġiċi. Is-sorveljanza fuq il-post tal-iżvilupp titwettaq minn persuni kwalifikati u kompetenti li huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Arkeologi Prattikanti, amministrat mis-Sovrintendenza.
Is-Sovrintendenza hija resonsabbli wkoll li:
• Tipprovdi assistenza professjonali relatata mal-monitoraġġ arkeoloġiku;
• Tipprovdi appoġġ tekniku speċjalizzat fi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-arkeoloġija matul l-istadji ta’ konsultazzjoni tal-ippjanar u applikazzjonijiet tax-xogħlijiet fit-toroq;
• Tipprovdi servizzi ta’ monitoraġġ arkeoloġiku ta’ emerġenza lill-gvern;
• Tfassal rapporti ta’ evalwazzjoni arkeoloġiċi biex tinforma u tiggwida deċiżjonijiet ta’ ppjanar;
• Tfassal it-Termini ta’ Referenza meħtieġa biex tiggwida twettieq tal-monitoraġġ u l-evalwazzjonijiet arkeoloġiċi;
• Tivvaluta d-Dikjarazzjonijiet tal-Metodu tax-Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sussegwenti kull fejn ikunu nstabu fdalijiet arkeoloġiċi;
• Tirreġistra kwalunkwe sejba arkeoloġika;
• Taġixxi bħala punt ta’ referenza għall-arkeologi prattikanti fl-oqsma kollha li jmissu mal-prattika ta’ monitoraġġ arkeoloġiku.
Is-Sovrintendenza żżomm kull dokumentazzjoni arkeoloġika li tirriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet. Aktar dettalji dwar il-proċeduri u l-istandards meħtieġa mis-Sovrintendenza huma ppubblikati fuq id-dokument “Proċeduri Operattivi u Standards għas-Servizzi tal-Arkeoloġija” (OPSAS).