Leġiżlazzjoni dwar il-Patrimonju Kulturali
Il-patrimonju kulturali ta’ Malta huwa protett primarjament mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali 2019 (KAP. 445). Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, is-settur tal-patrimonju kulturali lokali kien protett mill- Ordinanza dwar l-Antikitajiet tal-1910, l-Att dwar l-Antikitajiet tal-1925, il-Lista tal-Antikitajiet (Protezzjoni) tal-1932 (b’emendi fl-1936 u fl-1939), u l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 imħassar minn dak tal- 2019 u kif emendat bl-Att XLI tal-2021. Leġiżlazzjoni nazzjonali oħra tipprovdi wkoll għal salvagwardji lejn il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali ta’ Malta. Għadd ta’ eżempji tal-patrimonju kulturali ta’ Malta huma rikonoxxuti mill-UNESCO bħala patrimonju komuni tal-umanità u protetti minn konvenzjonijiet u “Charters” internazzjonali dwar il-patrimonju.
Definizzjoni tal-Patrimonju Kulturali
L-Att dwar il-Patrimonju Kulturali 2019, l-Artikolu 2 jiddefinixxi ‘patrimonju kulturali’ bħala “oġġetti mobbli jew immobbli ta’ importanza artistika, arkitettonika, storika, arkeoloġika, etnografika, paleontoloġika u ġeoloġika u tinkludi informazzjoni jew data relattivi għall-patrimonju kulturali li jappartjenu lil Malta jew lil xi pajjiż ieħor. Dan jinkludi wkoll siti jew depożiti arkeoloġiċi, paleontoloġiċi jew ġeoloġiċi, fdalijiet umani, pajsaġġ tal-art, tal-baħar u ta’ taħt il-baħar, gruppi ta’ bini, kif ukoll kollezzjonijiet xjentifiċi, kollezzjonijiet ta’ kampjuni naturali u ta’ oġġetti artistiċi, manuskritti, kotba, materjal ippubblikat, arkivji, materjal awdjo-viżiv u riproduzzjonijiet ta’ xi waħda minn dawn hawn qabel imsemmija, jew kollezzjonijiet ta’ valur storiku, kif ukoll assi kulturali intanġibbli li jinkludu l-arti, it-tradizzjonjiet, id-drawwiet u l-ħiliet li intużaw fl-arti dimostrattiva, fl-arti applikata u fl-artiġjanat u assi intanġibbli oħra li għandhom valur storiku, artistiku jew etnografiku.”