Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija konsulenta statutorja għall-Awtorità tal-Ippjanar, dwar patrimonju kulturali. Ir-rwol tas-Sovrintendenza jinkludi tikkonsulta u tikkordina mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar kwistjonijiet relatati mal-użu tal-art u żvilupp, li tissalvagwardja l-patrimonju kulturali meta tikkunsidra applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp li jista’ jkollu effett fuq oġġetti, siti, binjiet jew pajsaġġi li jagħmlu parti mill-wirt kulturali.
Din ir-responsabbiltà toħroġ kemm mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016, kif ukoll mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2019. Għaldaqstant, is-Sovrintendenza tiġi kkonsultata fuq kull applikazzjoni għal żvilupp li tirċievi l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll dwar tipi oħra ta’ applikazzjonijiet (Ordnijiet ta’ Notifika ta’ Żvilupp, Applikazzjonijiet għal Regolarizzazzjoni, Applikazzjonijiet għal Strutturi Perikolużi, Applikazzjonijiet għal Kontroll tal-Ippjanar), li jista’ jkollhom effett fuq il-patrimonju kulturali. Is-Sovrintendenza, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-Patrimonju Kulturali (CHAC), tagħmel rakkomandazzjonijiet u kundizzjonijiet relevanti għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali sabiex jiggwidaw deċiżjonijiet tal-ippjanar immirati lejn is-salvagwardja tal-patrimonju kulturali fil-gżejjer Maltin.
Minn Mejju 2016, il-Kumitat Konsultattiv tal-Patrimonju Kulturali (CHAC) hu ppresedut mill-persuna li tokkupa r-rwol ta’ Supretendent tal-Patrimonju Kulturali. Is-CHAC għandu rwol konsultattiv direttament mas-Sovrintendenza. Lista tal-membri li jiffurmaw dan il-kumitat tinsab hawn hekk. Is-Sovrintendenza tiġi wkoll innotifikata mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) meta jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni. Is-Sovrintendenza tista’ tintalab tattendi għas-seduti, biex taġixxi bħala konsulent estern jew xhud matul il-proċedimenti. Is-Sovrintendenza tiġi kkonsultata wkoll minn entitajiet oħra, bħal Transport Malta, li tikkonsulta s-Sovrintendenza fuq applikazzjonijiet għal xogħlijiet tat-toroq, u l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi, li tikkonsulta lis-Sovrintendenza dwar id-Dikjarazzjonijiet tad-Deskrizzjoni tal-Proġetti u l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali.