
Il-Konvenzjoni ta’ Valletta: 30 sena fil-prattika
- Categories Ahbarijiet
- Date October 7, 2025
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kuturali laqgħat f’Malta 48-il Kap ta’ Wirt Kulturali u d-delegati tagħhom minn 25-il pajjiż Ewropew għad-19 Forum Annwali tal-European Heritage Heads Forum, li seħħ ,ol-24 sa 26 ta’ Settembru fil-Mediterranean Conference Centre. Huwa partikolarment xieraq li l-Forum sar fil-Belt Valletta, il-belt li tat l-isem lill-Konvenzjoni tal-1992 dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku, tema ewlenija tal-Forum ta’ din is-sena.
Is-Sur Nigel Vella, Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran (MCC), laqa’ lid-delegati fis-sala restawrata, Sala Ospitalieri, ġewwa s-Sacra Infermeria, fejn saru ħafna mill-laqgħat. L-Onorevoli-Ministru Dott Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, enfasizza b’mod xieraq l-importanza tal-konvenzjoni fid-diskors tal-ftuħ tiegħu u spjega kif il-konservazzjoni u r-restawr tas-siti ta’ wirt jinsabu fuq-quddiem tal-politika tal-Gvern Malti. Il-Kummissarju tal-UE għaż-Żgħażagħ, is-Solidarjetà Interġenerazzjonali u l-Kultura, is-Sur Glenn Micallef, ikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn il-bilanċ bejn il-protezzjoni tas-siti kulturali u l-iżvilupp sostenibbli fl-indirizz tiegħu permezz ta’ vidjo.


Il-Konvenzjoni tal-Belt Valletta, magħrufa formalment bħala l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku (riveduta), ħadet post u aġġornat il-Konvenzjoni oriġinali ta’ Londra tal-1969. Din irriflettiet il-bidla fin-natura tat-theddid lejn il-wirt arkeoloġiku, li issa jiġi anqas minn skavi mhux awtorizzati, kif kien fis-snin sittin, u aktar minn proġetti ta’ kostruzzjoni fuq skala kbira mwettqa madwar l-Ewropa mill-1980 ’l quddiem. Il-Konvenzjoni tal-Belt Valletta hija trattat legali adottata mill-Kunsill tal-Ewropa biex tipproteġi l-wirt arkeoloġiku tal-Ewropa. Il-Konvenzjoni riveduta ħadet l-esperjenza ta’ żewġ deċennji u aktar fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni oriġinali u stabbiliet sett ta’ standards legali ġodda għall-Ewropa, li għandhom jintlaħqu permezz ta’ politiki nazzjonali għall-protezzjoni tal-assi arkeoloġiċi bħala sorsi ta’ evidenza xjentifika u dokumentarja, skont il-prinċipji ta’ konservazzjoni integrata.
Il-Konvenzjoni riveduta tagħmel il-konservazzjoni u t-titjib tal-wirt arkeoloġiku wieħed mill-għanijiet tal-politiki ta’ ppjanar urban u reġjonali. Hija tiffoka b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni bejn l-arkeologi u l-ippjanaturi tal-bliet u tar-reġjuni sabiex tiġi żgurata konservazzjoni ottimali tal-wirt arkeoloġiku. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi wkoll linji gwida għall-finanzjament tal-iskavi u x-xogħol ta’ riċerka, kif ukoll għall-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka. Hija tittratta wkoll l-aċċess pubbliku, b’mod partikolari għas-siti arkeoloġiċi, u l-azzjonijiet edukattivi li għandhom jittieħdu biex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar il-valur tal-wirt arkeoloġiku. Fl-aħħar nett, il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas istituzzjonali għall-kooperazzjoni pan-Ewropea dwar il-wirt arkeoloġiku, li jinvolvi skambju sistematiku ta’ esperjenzi u esperti bejn l-Istati differenti.


Biex jiġi mfakkar it-30 anniversarju tal-Konvenzjoni riveduta tal-Belt Valletta sa minn meta daħlet fis-seħħ, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għażlet li tagħmel il-Konvenzjoni t-tema ċentrali tal-European Heritage Heads Forum (EHHF) ta’ din is-sena, peress li tibqa’ pilastru fundamentali tal-politika tal-arkeoloġija u l-ġestjoni tal-patrimonju kulturali fl-Ewropa.
Dan l-anniversarju jipprovdi opportunità biex jiġi vvalutat l-impatt, ir-rilevanza kontinwa u l-futur tal-Konvenzjoni f’dinja li qed tevolvi b’pass mgħaġġel. Ratifikata minn 46 stat, il-Konvenzjoni influwenzat b’mod sinifikanti l-qafas legali, dixxiplinarju u amministrattiv tal-arkeoloġija. Hija ppromwoviet l-arkeoloġija preventiva, il-kooperazzjoni internazzjonali, u integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-patrimonju kulturali fl-ippjanar u fl-iżvilupp. Importanti wkoll, il-Konvenzjoni għenet biex l-arkeoloġija tinbidel minn qasam speċjalizzat għal responsabbiltà pubblika kondiviża, billi żiedet l-aċċess, l-edukazzjoni u l-involviment tal-komunità.


Il-Forum jipprovdi opportunità imprezzabbli biex nirriflettu flimkien fuq l-isfidi li qed niffaċċjaw fis-seklu wieħed u għoxrin: mill-pressjonijiet tal-iżvilupp urban, għall-impatti tat-tibdil fil-klima, sat-theddid tat-traffikar illegali. Ebda waħda minn dawn l-isfidi ma tistà tiġi indirizzata waħedha. Is-saħħa ta’ dan il-Forum tinsab proprju f’din il-komunità li jirrappreżenta, netwerk ta’ fiduċja u esperjenza fejn il-perspettivi nazzjonali jarrikkixxu l-viżjoni Ewropea kondiviża tagħna.
Il-Konvenzjoni tal-Belt Valletta kkonfermat ir-responsabbiltà kondiviża tagħna biex nipproteġu l-wirt arkeoloġiku, mhux biss bħala fdalijiet tal-passat, iżda bħala sors ta’ għarfien u identità. Aktar minn tletin sena wara, il-prinċipji mniżżla fil-Konvenzjoni tal-Belt Valletta jibqgħu essenzjali bħal qabel, u jkomplu jiggwidawna u jfakkruna li l-wirt tagħna m’huwiex lussu, imma pedament għall-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza kulturali.
Wara tletin sena, wasal iż-żmien li nistaqsu: fejn tinsab illum il-Konvenzjoni tal-Belt Valletta? Il-prinċipji tagħha għadhom qed jiggwidawna b’mod effettiv?

You may also like

Saffi Ġodda tal-Imgħoddi ta’ Malta Żvelati f’tal-Bidnija
Eżempji t’Arkittettura minn żmien l-Ingliżi fost ezempji ta’ propjeta’ miżgħjuda fl-Inventarju Nazzjonali ta’ Malta
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadha kif ippubblikat żidiet fl-Inventarju Nazzjonali, reġistru tal-proprjetà kulturali, assi u eżempji ta’ wirt kulturali relatati mal-Gżejjer Maltin. Din iż-żieda eżawrjenti tinkludi proprjetajiet magħżula mir-Reġistru tal-Proprjetajiet Skedati, u b’hekk isaħħu s-sinifikat tal-patrimonju kulturali inerenti tas-siti u jippermettulhom …