Żidiet Ġodda fl-Inventarju: Tlettax-il Proprjetà f’Ħaż-Żabbar u Għaxar Nixxiegħat tal-Ilma Skedati
L-aħħar aġġornament għall-Inventarju Nazzjonali jiġbor flimkien żewġ sforzi komprensivi li saru mit-Taqsima tal-Inventarju Nazzjonali, Riċerka, u Arkeoloġija tas-Sovrintendenza.
L-ewwel eżerċizzju kien jinvolvi r-riċerka u d-dokumentazzjoni ta’ bini vernakulari fiż-Żona tal-Iżvilupp (Development Zone) f’Ħaż-Żabbar, li oriġinarjament kienu jifformaw parti minn pajsaġġ rurali. Fost iż-żidiet notevoli hemm il-proprjetà b’numri 404 – 408, Triq ix-Xgħajra, magħrufa lokalment bħala It-Torri ta’ Lourdes, binja elaborata ta’ valur arkitettoniku li tiġi ċċelebrata mhux biss għall-mertu arkitettoniku tagħha iżda wkoll għar-rwol tagħha fl-istorja soċjali ta’ Ħaż-Żabbar, riflessa fil-bini ta’ strutturi simili mill-istess familja madwar Ħaż-Żabbar. Fil-fatt, bini ieħor bħal dan iddaħħal fl-inventarju bħala parti minn dan l-aġġornament. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju jinkludi bini assoċjat ta’ valur eċċezzjonali f’Ħaż-Żabbar.
It-tieni eżerċizzju ffoka fuq id-dokumentazzjoni ta’ strutturi relatati man-nixxiegħat tal-ilma madwar Malta u Għawdex, fosthom siti notevoli bħal Għajn Rażul f’San Pawl il-Baħar u in-Ninfeu u l-Għajn ta’ Dejr il-Bniet f’Ħad-Dingli. Dan l-isforz kien jinkludi wkoll strutturi assoċjati, bħall-Obelisk kommemorattiv fic-Ċittadella, Għawdex.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Is-Sovrintendenza tfakkar lill-qarrejja li l-Inventarju Nazzjonali huwa separat mill-proċess ta’ skedar tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, fejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha l-awtorita’ u d-dmir li tikkura inventarju nazzjonali tal-propjeta’ ta’ valur kulturali f’Malta. Madankollu, is-Sovrintendenza tista’ tirrakkomanda il-proprjetajiet u elementi ta’ valur kulturali għall-iskedar lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, sabiex jinkludihom f’saff addizzjonali ta’ protezzjoni.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku jżur l-Interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss iservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll tenfasizza faċilment l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug. .
Il-lista sħiħa tal-propjetajiet li żdiedu dan l-aħħar mal-Inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru 21,308, tat-3 ta’ Settembru 2024.