Il-Ballut ta’ Marsaxlokk: Sejbiet Arkeoloġiċi Ġodda Minn Taħt il-Kosta ta’ Malta
Investigazzjoni arkeoloġika reċenti mwettqa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) fil-Ballut ta’ Marsaxlokk kixfet fdalijiet antiki sinifikanti u pprovdiet għarfien ġdid dwar strutturi arkeoloġiċi li kienu diġa’ magħrufa. Fost l-iskoperti l-aktar notevoli hemm framment rari ta’ louterion Grieg, li jmur lura għas-seklu 6 jew 5 QK, flimkien ma’ numru ta’ ċeramika, metall, u artefatti tal-ġebel li nstabu imxerrdin ma’ qiegħ il-baħar. L-investigazzjoni ċċarat ukoll in-natura ta’ struttura identifikata qabel iżda mhux studjata, li issa ġiet ikkonfermata li iddisinjatata b’mod metikoluż u tindika l-preżenza ta’ ħajt.
Is-Sinifikat ta’ Il-Magħluq
Storikament, il-Magħluq kien marbut mal-produzzjoni tal-melħ, bl-ilmijiet baxxi tiegħu mmarkati b’mod ċar fuq mapep tas-seklu 19 u murija f’ritratti tal-bidu tas-seklu 20. Madankollu, l – Ordnance Survey Sheets tal – 1911 irreferew għaż – żona bħala “vaski tal – ħut” (fishponds) li jissuġġerixxu storja iktar kumplessa li kienet tinkludi l-akkwakultura.
Barra minn hekk, is-sit jinsab mal-kosta bejn il-Port ta’ Marsaxlokk u l-Power Station ta’ Delimara f żona ta’ importanza arkeoloġika u storika konsiderevoli.
Il-Kuntest tal-Investigazzjoni
Imqanqal minn proġett ta’ kostruzzjoni propost mill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-kosta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bdiet din l-investigazzjoni arkeoloġika li kienet maħsuba biex tinvestiga ż-żona arkeoloġikament sensittiva u tiggwida l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-ippjanar.
Mal-evalwazzjoni inizjali tal-proposta, ġie osservat li l-estent tal-proposta tar-revetment u r-reklamazzjoni tal-art jinterferixxu ma’ żoni li fihom strutturi arkeoloġiċi f’qiegħ il-baħar, b’ effetti sinifikanti fuq waħda minn dawn l-istrutturi, identifikata bħala l-Istruttura 3. Għalhekk, l-investigazzjoni arkeoloġika ta’ taħt l-ilma tfasslet speċifikament biex tiffoka fuq din l-istruttura u s-sedimenti tal-madwar.
Skoperti Arkeoloġiċi Ewlenin
Struttura 3, kif dettaljata f ’rapport ta’ fieldwork mill-Università ta’ Malta, hija struttura prominenti taħt il-baħar b’wisa’ ta’ 2 metri u tul ta’ 40 metru. Din l-istruttura kienet il-fokus primarju tal-investigazzjoni, li kienet tinvolvi t-tħaffir ta’ żewġ trinek-Trench 1 u Trench 2-biswit tagħha.
L-iskavar ta’ Trench 2 kixef l-għoli kollu tal-istruttura, u wera li din kienet mibnija b’ġebel tal-franka stivat bi ħsieb u mhux mormi bl-addoċċ. Għalkemm l-istruttura hija predata mill-artefatti misjuba taħtha, id-determinazzjoni tad-data eżatta tagħha għadha diffiċli u hija meħtieġa aktar investigazzjoni.
L-iskavi kixfu kollezzjoni notevoli ta’ artefatti, b’ waħda mill-aktar sinifikanti tkun framment ta’ louterion, baċin dekorattiv li jintuża fir-ritwali Griegi antiki. Dan il-framment, li oriġinarjament kien parti minn baċin b’ dijametru ta’ 70 ċm, huwa mżejjen b’disinni kkomplikati, inklużi karrijiet miġbuda miż-żwiemel tul ix-xifer. Il-louterion, li jmur lura għas-sekli 6 jew 5 QK, kien tipikament jintuża biex iżomm l-ilma għall-għawm jew għall-ħasil ritwali u spiss kien jintrama fuq pedestall. Filwaqt li l-louteria hija emblematika tal-perjodu arkajku tardiv Grieg (Greek Late Archaic Period), oġġetti simili ġew adattati minn kulturi indiġeni fil-Mediterran Ċentrali. Eżempji komparabbli minn Sqallija, li huma tal-istess perjodu, ġew deskritti minn A. Ward (2018) u huma illustrati hawn taħt.
Artefatti u sinifikat
Matul l-iskavi ġew irkuprati aktar minn 64 artefatti, fosthom fuħħar, fdalijiet faġunali, u oġġetti tal-metall. Il-framment tal-louterion, imżejjen bi xbihat ta’ karrijiet miġbuda miż-żwiemel, jispikka bħala wieħed mill-aktar sejbiet notevoli. Skoperti notevoli oħra jinkludu skutella kważi kompluta, fdalijiet faġunali, u diversi ċeramika, li bħalissa kollha qed jiġu kkonservati u analizzati.
Il-konċentrazzjoni ta’ materjal f’żona żgħira u speċifika tenfasizza s-sensittivita arkeoloġika eċċezzjonali tas-sit, li teħtieġ kemm miżuri protettivi stretti kif ukoll investigazzjoni ulterjuri. Għalkemm xi materjal seta’ ġie spostat permezz ta’ azzjoni mill-mewġ, il-fond li fih instabu l-materjali jissuġġerixxi li dawn ġew skoperti fil-kuntest primarju tagħhom jiġifieri ġew skartati jew iddepożitati fl-istess post fejn ġew skoperti.
Sforzi ta’ Konservazzjoni u Protezzjoni
L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ippreżentat applikazzjoni għall-żvilupp (PA01484/24) biex tipproteġi ż-żona minn aktar erożjoni kostali billi tibni rock boulder revetment u passaġġ pubbliku. Filwaqt li dan il-proġett huwa vitali għas-salvagwardja tal-art mistagħdra fil-Ballut ta’ Marsaxlokk, joħloq sfidi għall-preservazzjoni tal-karatteristiċi arkeoloġiċi ta’ taħt il-baħar.
Biex tittaffa l-ħsara potenzjali waqt il-kostruzzjoni, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għamlet diversi rakkomandazzjonijiet, fosthom monitoraġġ arkeoloġiku kontinwu maħsub biex jissalvagwardja l-istrutturi mgħarrqa minn ħsara involontarja.
Hekk kif qed ikomplu l-isforzi ta’ skavar u konservazzjoni, jidher ċar li l-Ballut ta’ Marsaxlokk se jkollu rwol kruċjali biex jinkixfu frammenti tal-istorja marittima ta’ Malta. Il-potenzjal arkeoloġiku tas-sit huwa immens, u aktar studji x’aktarx se jiżvelaw aktar dwar is-sinifikat tiegħu għall-wirt nazzjonali Malti.
Referenzi
Ward, Andrew. (2018). Modelling Regional Networks and Local Adaptation: West-Central Sicilian Relief Louteria. Les Carnets de l’ACoSt. 17. 10.4000/acost.1107.