Festa Melħ | Salt Fest: tnedija b’suċċess tas-Salina Salt Museum
L-esibizzjoni
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u BirdLife Malta kkollaboraw fil-ħolqien ta’ wirja permanenti t’artefatti arkeoloġiċi minn taħt il-baħar fis-Salina Nature Reserve li infetħet għall-pubbliku fis-27 ta’ Lulju, 2024.
Il-Bajja tas-Salina nnifisha hija żona ta’ importanza storika sinifikanti. Is-salini tal-melħ li jiffurmaw ir-riserva saru mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu 16 u huma mdawrin b’siti arkeoloġiċi oħra li jmorru lura sa żmien neolitiku.
Il-wirja hija mibnija madwar kollezzjoni ta’ artefatti li ġew irkuprati illegalment minn qiegħ il-baħar u li eventwalment ġew irritornati lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. BirdLife Malta u Salina Nature Reserve jirrappreżentaw sieħeb u post ideali għal din il-wirja minħabba l-valuri u l-impenn komuni tagħhom għall-konservazzjoni u l-aċċess pubbliku.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-wirja huwa li tixħet dawl fuq il-passat għani ta’ din iż-żona u l-esperjenza se tinvolvi lill-pubbliku fuq temi ta’ looting, aċċessibilita’, konservazzjoni, u l-ħarsien tal-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar permezz tal-involviment tal-pubbliku.
Is-Salina Salt Museum infetaħ uffiċjalment għall-pubbliku waqt Festa Melħ | Salt Fest 2024, wara l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-mużew, li għaliha attendew diversi mistednin distinti. Bl-appoġġ tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, dan l-avveniment kollaborattiv li seħħ fl-aħħar weekend ta’ Lulju offra firxa ta’ attivitajiet vibranti fis-Salina Nature Reserve.
Il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jieħdu sehem f’diversi attivitajiet li jiċċelebraw il-ftuħ tal-mużew, li kienu jinkludu dħul kumplimentari matul dan il-weekend. Fost il-ħafna attrazzjonijiet, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ppreżentat wirja unika ta’ artefatti minn taħt il-baħar, li ġew irkuprati riċentament minn Marsaskala u li bħalissa għaddejjin minn proċess delikat ta’ disalinizzazzjoni. Din il-wirja kienet waħda minn bosta stands impenjattivi li enfasizzaw l-avveniment, u b’hekk il-pubbliku seta’ jgħaddas lilu nnifsu fil-wirt kulturali għani ta’ Malta.