Eżempji t’Arkittettura minn żmien l-Ingliżi fost ezempji ta’ propjeta’ miżgħjuda fl-Inventarju Nazzjonali ta’ Malta
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadha kif ippubblikat żidiet fl-Inventarju Nazzjonali, reġistru tal-proprjetà kulturali, assi u eżempji ta’ wirt kulturali relatati mal-Gżejjer Maltin. Din iż-żieda eżawrjenti tinkludi proprjetajiet magħżula mir-Reġistru tal-Proprjetajiet Skedati, u b’hekk isaħħu s-sinifikat tal-patrimonju kulturali inerenti tas-siti u jippermettulhom livell addizzjonali ta’ protezzjoni. Is-sittax-il sit il-ġdid jinkludu eżempji ta’ strutturi, bini residenzjali u streetscapes, li jżidu mal-korpus ta’ propjetà diġà elenkati fl-Inventarju Nazzjonali.

Tliet akwadotti storiċi ġew riċentement miżjuda mal-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali: l-Akwadott tal-Victoria, magħruf ukoll bħala l-Akwadott ta’ Għawdex jew tal-Għar Ilma, l-Akwadotti ta’ Fawwara, u l-Akwadott u il-Ġibja tax-Xemxija. Dawn l-istrutturi mibnija taħt l-amministrazzjoni Brittanika fis-seklu dsattax, huma eżempji ta’ inġinerija tal-era kolonjali, żviluppati biex jittrasportaw l-ilma minn għejun naturali u riżervi lejn ċentri urbani kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Dawn l-istrutturi jirriflettu perjodu fejn il-provvista tal-ilma ħelu kienet limitata, partikolarment fiż-żoni residenzjali li kienu qed jikbru. Dawn l-akwadotti huma simboli ta’ xogħlijiet pubbliċi u investiment kolonjali fil-perjodu Brittaniku u kellhom rwol essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum. L-akwadotti huma kemm parti mill-istorja kif ukoll tifkira ta’ żminijiet imgħoddija. Il-Awtorità tal-Ippjanar, f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, skedat ukoll dawn l-istrutturi monumentali ta’ inġinerija.

Minbarra dawn l-akwadotti, numru ta’ djar u streetscapes fil-lokalità ta’ San Ġiljan ġew ukoll inklużi fl-Inventarju Nazzjonali. Fost dawn, l-iktar wieħed prominenti huwa l-kumpless tal-Palazz Spinola, li jinkludi l-Belvedere u Maħżen tal-Bastimenti. Dawn l-istrutturi, diġà skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar, issa ngħataw wkoll din il-valorizzazzjoni addizzjonali u rikonoxximent bħala eżempji sinifikanti ta’ arkitettura palazzjali u marittima.
Il-palazz kien ikkummissjonat fl-1688 mill-Patri Paolo Raffaele Spinola, Prijur tal-Lingwa Lombardija bejn l-1677 u l-1692. Id-disinn attwali ttejjeb iktar ’il quddiem minn Patri Giovanni Battista Spinola, in-neputi tal-ewwel sid, li fl-1733 ikkummissjona lill-arkitett Romano Fortunato Carapecchia. Il-binja tesprimi l-istil tal-Barokk, b’enfasi fuq is-simmetrija u r-ritmu tal-faċċata. L-istruttura ċentrali hija distintiva minħabba l-istill segmentat tat-twieqi, b’integrazzjoni ta’ żewġ twieqi fil-kors taċ-ċinturin. Il-Belvedere, b’still trijonfanti, jħadden l-ġnub tal-palazz.

Numru ta’ streetscapes u ringieli ta’ djar ġew ukoll inklużi fl-Inventarju Nazzjonali. L-inklużjonijiet ta’ dawn l-eżempji ta’ bini storiku jissottolinjaw ir-rwol pubbliku importanti li għandu l-wirt kulturali kemm fid-dimensjonijiet ambjentali kif ukoll soċjali. F’ċerti aspetti, dawn l-ambjenti urbani huma pajsaġġi kulturali, imfassla mill-bniedem tul is-sekli. Dawn il-streetscapes kollha jinsabu f’San Ġiljan u huma tipiċi tal-arkitettura tal-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, u huma magħrufa għall-faċċati segmentati u koerenti tagħhom.

Din l-aħħar żieda mal-Inventarju Nazzjonali hija parti mill-isforzi kontinwi biex niddokumentaw, nippreservaw, u nipproteġu l-patrimonju kulturali ta’ Malta. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tibqa’ ddedikata biex tidentifika u tissalvagwardja s-siti uniċi li jarrikkixxu l-pajsaġġi Maltin u Għawdxin, filwaqt li tiżgura li jibqgħu simboli dejjiema tal-istorja kollettiva tagħa.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Il-lista sħiħa tal-proprjetajiet li ġew miżjuda dan l-aħħar fl-inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,444, datata 27, Mejju, 2025 (G.N. 831).