
Żidiet Ġodda fl-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali Malti
- Categories Ahbarijiet, Inventarju Nazzjonali
- Date February 23, 2026
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadha kif ippubblikat it-tielet żieda ta’ din is-sena fl-Inventarju Nazzjonali, reġistru tal-proprjetà kulturali, assi u eżempji ta’ wirt kulturali fil-Gżejjer Maltin. Din iż-żieda tinkludi 23 eżempji ta’ Patrimonju Kulturali.
Din iż-żieda tinkludi 19-il eżempju ta’ patrimonju kulturali ekkleżjastiku w erba’ eżempji notevoli ta’ arkitettura residenzjali, u djar storiċi. Dawn iż-żidiet ġodda fl-Inventarju Nazzjonali ġew rikonoxxuti formalment mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-valur tal-patrimonju kulturali tagħhom fuq kriterji estetiċi, storiċi, arkitettoniċi u soċjali.
Mid-19-il niċċa ġdida inklużi f’din iż-żieda, forsi l-aktar waħda notevoli hija n-niċċa ddedikata lil Santu Rokku , li tinsab fil-passaġġi mgħottija li jdawru Pjazza Regina fil-Belt Valletta. Din in-niċċa fiha pittura ta’ Santu Rokku u turi lill-qaddis liebes ta’ pellegrin għajjien, bilqiegħda bħallikieku qed jieqaf jistrieħ waqt il-vjaġġ, jistrieħ il-bastun tiegħu ma’ ġismu, u akkumpanjat mill-kelb tiegħu. In-niċċa hija ta’ stil Barokk sod ħafna, b’dekorazzjonijiet drammatiċi u elaborati li jdawru l-pittura ċentrali. Żewġ putti kbar isostnu n-niċċa fuq kull naħa, u erba’ rjus oħra ta’ putti huma rranġati madwar in-niċċa b’motivi tal-fjuri madwarha kollha. In-niċċa hija mgħottija bl-istemma araldika tal-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccafull. Il-pittura – kopja – tinsab f’kundizzjoni tajba, għalkemm skurat b’mod sinifikanti. L-oriġinali bħalissa tinsab fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, u hija datata għall-1676, kif jidher mill-iskrizzjoni li żżejjen in-niċċa.
In-niċċa għandha iskrizzjoni bil-Latin li tgħid “ D · O · M CONTAGIṼ Á PORTICI HVIVS HABITÁTIB MIRE SÁCTVM HVĆ PRÆPELLERE PERPEDE VIATOR ANÓ DNÍ MDCLXXVI ”, tradotta li tfisser “Lill-Alla, l-Aqwa u l-Akbar. Il-kontaġju mill-portiku ta’ din id-dar huwa mkeċċi b’mod meraviljuż minn dan il-post sagru mill-passi tal-vjaġġatur, Fis-sena tal-Mulej tagħna 1676”. Dan jirreferi għal San Rokku, il-qaddis tradizzjonalment invokat għall-interċessjoni kontra l-pesta u forom oħra ta’ pestilenza.
Il-lingwaġġ arkitettoniku u estetiku ta’ dan l-element ġie mfassal b’ħila kbira u esegwit b’livell għoli ħafna. L-attenzjoni għad-dettall, id-disinn kumpless tiegħu u d-dehra attraenti, jagħmluh wieħed mill-eżempji aktar sinifikanti ta’ monumenti reliġjużi. In-niċċa għandha wkoll importanza storika peress li tmur lura għall-perjodu meta kien hawn il-pesta f’Malta. Dan l-element arkitettoniku għandu sinifikat soċjali notevoli ukoll bħala espressjoni ta’ devozzjoni popolari u bħala punt ta’ referenza għall-komunità lokali, u peress li jgħamel parti mill-memorja kollettiva. Il-monument għandu wkoll potenzjal qawwi li jattira interess akkademiku, speċjalment fir-rigward ta’ prattiki devozzjonali popolari u l-kulti tal-qaddisin promossi mill-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Dan l-aġġornament jinkludi wkoll tliet townhouses sinifikanti f’Ħaż-Żebbuġ , li flimkien ikopru mill-inqas 300 sena ta’ storja arkitettonika, u Careel House f’San Ġiljan, dar notevoli u storika apprezzata għas-sinifikat arkitettoniku, storiku u soċjali tagħha.
Din l-aħħar żieda mal-Inventarju Nazzjonali hija parti mill-isforzi kontinwi biex niddokumentaw, nippreservaw, u nipproteġu l-patrimonju kulturali ta’ Malta. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tibqa’ ddedikata biex tidentifika u tissalvagwardja s-siti uniċi li jarrikkixxu l-pajsaġġi Maltin u Għawdxin, filwaqt li tiżgura li jibqgħu simboli dejjiema tal-istorja kollettiva tagħa.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Il-lista sħiħa tal-proprjetajiet li ġew miżjuda dan l-aħħar fl-inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,579, datata 03 ta’ Frar, 2026 (G.N. 155).



