Għar il-Latnija: Nimbuttaw il-Konfini tal-Preistorja

Għar il-Latnija, li jinsab fil-Mellieħa, huwa sit arkeoloġiku notevoli li għadu kif ġie miżjud uffiċjalment fl-Inventarju Nazzjonali — pass kruċjali fis-salvagwardja tal-valur arkeoloġiku u storiku eċċezzjonali tiegħu.
Din id-dolina kbira għandha evidenza sinifikanti tal-preżenza umana ta’ żmien Mesolitiku f’Malta, inkluż għodod tal-ġebel, fuklari, depożiti tal-irmied, u fdalijiet faġunali — skoperta li tbiddel il-fehim tagħna dwar l-insedjament bikri tal-bniedem u t-tbaħħir fil-Mediterran.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tifraħ mill-qalb lill-Max Planck Institute of Geoanthropology u lid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta għal din ir-riċerka innovattiva.
Aħna kburin li appoġġjajna dan l-istudju importanti, li jiżvela li Malta ntlaħqet minn kaċċaturi-ġabbara mill-baħar fuq elf sena qabel il-wasla tal-ewwel bdiewa. Din is-sejba mhux biss tiddefinixxi mill-ġdid dak li nafu dwar il-mobilità umana bikrija madwar il-Mediterran iżda testendi wkoll il-preistorja ta’ Malta b’millenju.
Infaħħru l-isforzi kollaborattivi wara dan il-proġett, u naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li nappoġġjaw ir-riċerka xjentifika li tapprofondixxi l-fehim tagħna tal-istorja umana l-aktar bikrija ta’ Malta.
Din il-ħidma tenfasizza wkoll ir-rwol vitali tal-metodi xjentifiċi fl-arkeoloġija, mill-istudju tal-kultura materjali sal-analiżi tal-fdalijiet ambjentali u bijoloġiċi. Dan is-sit huwa eżempju impressjonanti ta’ kif l-arkeoloġija u x-xjenza ma jistgħux jaħdmu iżolament. Huwa permezz ta’ approċċi interdixxiplinari bħal dawn li l-istorja rikka u kumplessa tal-gżejjer tagħna tkompli tiżvolġi.
Protezzjoni tal-Patrimonju
🛑 Jekk jogħġbok kun af: Bħalissa għaddejjin xogħlijiet biex is-sit jiġi ssalvagwardjat. Kull forma ta’ esplorazzjoni, skavar, jew interferenza f’siti arkeoloġiċi mhux awtorizzat hija strettament ipprojbita u punnibli bil-liġi.
✅ Attivitajiet ta’ skavar jew riċerka jistgħu jipproċedu biss b’permess maħruġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u skont il-kundizzjonijiet imposti.
Għar il-Latnija huwa ass kulturali sensittiv u sinifikanti. Il-protezzjoni tiegħu hija essenzjali biex nippreservaw din it-tieqa rari għall-passat preistoriku tagħna.
Għinna nħarsu l-patrimonju kulturali ta’ Malta.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Din il-pubblikazzjoni tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,420, datata 11, April, 2025 (G.N. 572).
Kreditu tar-ritratt mehmuż: Andres Curras