Tiġdid tal-Att ta’ Kurazija għall-Kwartieri ta’ Couvre Porte

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġeddet l-Att ta’ Kurazija għall-Kwartieri ta’ Couvre Porte ma’ Fondazzjoni Wirt Artna (FWA).
Is-sit ilu taħt il-kustodja tal-FWA mill-ewwel darba li inagħata taħt Kurazija fl-2011 u se jkompli jiġi salvagwardjat taħt dan il-ftehim imġedded.
L-Atti ta’ Kurazija huma qafas legali li jiffaċilita l-manutenzjoni, il-konservazzjoni, u l-promozzjoni ta’ proprjetajiet meqjusa bħala patrimonju kulturali. L-SCH, li taġixxi f’isem il-Gvern, hija responsabbli biex tistabbilixxi tali ftehimiet mal-NGOs u l-Kunsilli Lokali biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-patrimonju kulturali ta’ Malta.
Dwar il-Kwartieri ta’ Couvre Porte
Mibnija bħala parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Birgu tas-seklu 18, Couvre Porte kien sistema kumplessa ta’ passaġġi li jagħtu għall-Birgu. Ismu, imnissel mill-Franċiż, ifisser “bieb mgħotti”, li jirrifletti r-rwol tiegħu fil-protezzjoni ta’ Porta Superiore, il-bieb ewlieni tal-Birgu.
Matul il-perjodu kolonjali Ingliż, inbena barrack block fi ħdan il-Kontragwardja biex jakkomoda t-truppi stazzjonati. Fit-tieni Gwerra Dinjija, ix-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija taħt is-sit ipprovdew kenn għal mijiet ta’ nies.
Illum, il-Kwartieri ta’ Couvre Porte jilqgħu fihom il- Malta at War Museum, u jippreservaw l-istorja militari tas-sit.


