Lenti fuq l-Istandards: Seminar Nazzjonali jenfasizza l-Futur tal-Konservazzjoni tal-Patrimonju f’Malta

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju kulturali (SCH) kellha rwol essenzjali fil-ko-organizzazzjoni ta’ seminar nazzjonali ffukat fuq ir-rwol importanti tal-istandards ta’ konservazzjoni fil-ħarsien tal-patrimonju kulturali għani ta’ Malta.
Is-Seminar Lokali għall-Professjonisti fuq il-Patrimonju dwar Standards għall-Konservazzjoni (Local Seminar for Heritage Professionals on Standards for Conservation), li sar ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, laqqa’ flimkien esperti u stakeholders miss-settur tal-patrimonju sabiex jesploraw kif l-istandards jistgħu jiggwidaw l-isforzi ta’ konservazzjoni u jiżguraw li jiġu segwiti l-aħjar prattiċi fil-preservazzjoni tal-assi kulturali ta’ Malta.
Is-seminar ġie organizzat permezz tal-kumitat tekniku lokali għas-CEN/TC 346, il-kumitat Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni għall-patrimonju kulturali, bl-involviment ta’ msieħba importanti fosthom l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali (MHAL), Heritage Malta (HM), id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni (RPD), u l-Università ta’ Malta (UM). Dan l-isforz kollaborattiv enfasizza l-importanza li naħdmu flimkien biex niżguraw il-preservazzjoni fit-tul tal-patrimonju ta ’Malta.
Kurt Farrugia, is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, fetaħ l-avveniment billi saħaq fuq l-importanza li jinżammu prattiċi ta’ konservazzjoni rigorużi u etikament imsejsa. Ukoll għal-ftuħ tas-seminar, Carmen Ciantar, il-Kap Eżekuttiv tal-MCCAA, tkellmet dwar l-isforzi kontinwi tal-awtorita’ biex ittejjeb l-aċċess għall-istandards għall-komunita’ tal-patrimonju lokali.



L-indirizz ewlieni ta’ Antonio Sansonetti, President tas-CEN/TC 346, offra ħarsa ġenerali lejn il-qafas Ewropew għall-istandards ta’ konservazzjoni, filwaqt li enfasizza l-benefiċċji tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri u l-għerf kollettiv li jsawwar dawn il-linji gwida.
Preżentazzjonijiet notevoli oħra kienu jinkludu:
- George Cutajar, Direttur Ġenerali tal-Istitut tal-Istandards u Metroloġija (Standards and Metrology Institute) tal-MCCAA, li spjega r-rwol usa’ tal-istandards f’diversi oqsma.
- Il-Professur JoAnn Cassar, Kap tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Patrimonju Mibni (Department of Conservation and Built Heritage) fl-Universita’ ta’ Malta, li ddiskutiet kif l-istandards huma integrati fil-prattiċi ta’ konservazzjoni.
- Dr Jeanine Rizzo, konsulent legali fil-patrimonju kulturali, li indirizzat l-intersezzjoni tal-leġiżlazzjoni Maltija u l-istandards ta’ konservazzjoni.
Diskussjoni dinamika tal-panel bl-isem ta’ “Standards or No Standards?” kienet il-qofol tas-seminar. Immoderata minn Joseph Magro Conti, Konsulent tal-Patrimonju Kulturali f’MHAL, il-panel kellu firxa diversa ta’ esperti fil-qasam, fosthom:
- Kenneth Cauchi, Konservatur u Unit Head fl-SCH
- Amanda Degiovanni, Perit u Inġinier Ċivili Ewlenija, RPD
- Veronica Micallef, Perit u Project Manager, HM
- James Licari, Konservatur u President tal-MapCoRe
- Nicholas Doublet, Kuratur u Arkivista, Arċidjoċesi ta’ Malta
- Paul Dalli, Perit u Segretarju għal-Politika, Kamra tal-Periti
- Antonio Sansonetti, President tas-CEN/TC 346
Id-diskussjoni daħlet f’suġġetti importanti bħall-flessibbilta’ tal-istandards, l-aċċessibbilta’ tagħhom, u r-rwol tagħhom biex jiggwidaw interventi ta’ kwalita’ għolja. L-edukazzjoni u l-outreach kienu wkoll temi prominenti. Il-kelliema ddiskutew il-ħtieġa li l-għarfien dwar l-istandards jiġi estiż lil hinn mill-professjonisti fil-patrimonju, u appellaw għal involviment akbar mis-sidien tal-proprjetajiet, il-kuntratturi, u l-pubbliku biex titrawwem kultura usa’ ta’ konservazzjoni.

Is-seminar għalaq b’rimarki minn rappreżentanti tal-Ministeru li affermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-gvern li jsaħħaħ il-qafas ta’ konservazzjoni ta’ Malta u jappoġġja l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali rikonoxxuti.
Dan is-seminar ta’ suċċess sar possibbli bl-isforzi kollaborattivi tal-SCH, Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-konsumatur (MCCAA), il- Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali (MHAL), Heritage Malta (HM), id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni (RPD), u l-Universita’ ta’ Malta (UM). Il-kontribuzzjonijiet kollettivi tagħhom juru s-saħħa tas-sħubija u l-impenn komuni għall-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.



