Mystique Complex u Iċ-Ċinema Rialto Fost l-Ewwel Żidiet tal-2025 fl-Inventarju Nazzjonali ta’ Malta

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadha kif ippubblikat l-ewwel żidiet tas-sena fl-Inventarju Nazzjonali. Din iż-żieda eżawrjenti hija maqsuma f’żewġ tipi ta’ proprjetajiet ta’ patrimonju kulturali. L-ewwel waħda tinkludi żidiet ġodda fl-Inventarju Nazzjonali li ġew rikonoxxuti formalment mill-SCH għall-valur tal-patrimonju kulturali tagħhom fuq kriterji estetiċi, storiċi, arkitettoniċi u soċjali. It-tieni sett ta’ żidiet jirrigwardaw proprjetajiet magħżula mir-Reġistru tal-Proprjetajiet Skedati, u b’hekk isaħħu s-sinifikat tal-patrimonju kulturali inerenti tas-siti u jippermettulhom livell addizzjonali ta’ protezzjoni.
Fost id-79 sit inklużi f’dan l-aġġornament – li jinkludu varjetà ta’ strutturi li jvarjaw minn residenzi privati sa kumplessi kummerċjali – il-lista tinkludi 3 stazzjonijiet tal-karozzi tal-linja modernisti u l-ammont impressjonanti ta’ 49 mitħna li qabel kienu skedati u issa huma ukoll uffiċjalment parti mill-Inventarju Nazzjonali tal-SCH. Flimkien ma’ dawn, siti oħra partikolarment notevoli jinkludu l-Mystique Complex, bini arkitettonikament distint fis-Swieqi, u ċ-Ċinema Rialto f’Bormla – żewġ proprjetajiet differenti ħafna tas-seklu għoxrin, bi storja u valur arkitettoniku ferm distintiv.



Mystique Complex, magħruf aktar bħala Villa Mystique, huwa kurżita’ arkitettonika, riflessa ukoll fl-isem li ngħatalu minn sidu u l-kreatur tiegħu, il-Markiż John Scicluna. Din il-propjetà eklettika qatt ma kienet maħsuba bħala residenza, iżda bħala spazju għall-artisti biex jiltaqgħu, ipinġu u jdoqqu l-mużika. Is-sinifikat tas-sit jinsab fl-uniċità bla paragun tiegħu, definit mill-istil eklettiku tiegħu, xejriet evokattivi, u l-użu kreattiv ta’ materjali tal-bini salvati u biċċiet tal-ħġieġ miċħuda mill-Mdina Glass. Ir-riżultat huwa ħolqien fantastiku li ħakem l-immaġinazzjoni ta’ dawk kollha li kienu jafu bih. Mystique Complex ispira lill-artisti fi żmienu u qed ikompli jattira l-kurżità ta’ ħafna, u b’hekk huwa sit kemm storikament u kif ukoll soċjalment sinifikanti li jifforma parti mill-memorja soċjali kollettiva ta’ Malta.

B’ differenza minn Mystique Complex, iċ-Ċinema Rialto ilha skedata mill-2010 u tevoka disinn Arte Moderne. Dan il-bini impressjonanti iddisinjat mill-arkitett Malti Edwin England Sant Fournier bħala parti mir-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra fit-Tlett Ibliet. Il-faċċata hija kkaratterizzata minn twieqi kbar bl-arkati bil-kulur blu, kif ukoll “torri” mgħawweġ li darba kien juri gondola Venezjana. Din l-istruttura mhux biss għandha importanza arkitettonika konsiderevoli, iżda għandha wkoll sinifikat storiku u soċjali. Dan il-bini storiku ra d-debutt tiegħu fl-1956, u malajr sar punt ewlieni fejn jiltaqgħu n-nies ta’ Bormla u t-Tlett Ibliet. Madankollu, sal-1988, iċ-Ċinema għalqet il-bibien tagħha meta bdiet tara t-tnaqqis tal-udjenzi, bħal ma’ kien qieġħed jiġri dak iż-zmien.
Proprjetajiet magħrufin oħra li ġew inklużi fl-aħħar aġġornament tal-Inventarju Nazzjonali huma daqstant ieħor rikki fis-sinifikat kulturali. Dawn jinkludu partijiet mill-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida, il-Mitħna ta’ Tmien Kantunieri fix-Xewkija, il-Birrerija ikonika ta’ Farsons fl-Mrieħel, eżempju sinifikanti ta’ patrimonju industrijali, il-Muscat Motors Showroom fil-Gżira, eżempju mill-aqwa tal-arkitettura kummerċjali tal-bidu tas-seklu għoxrin, u l-eks maħżen tan-N.A.A.F.I. u faċilitajiet rikreattivi fil-Marsa, sit li jfakkar fl-istorja militari u soċjali ta’ Malta fi żmien l-Ingliżi.






Din l-aħħar żieda mal-Inventarju Nazzjonali hija parti mill-isforzi kontinwi biex niddokumentaw, nippreservaw, u nipproteġu l-patrimonju kulturali ta’ Malta. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tibqa’ ddedikata biex tidentifika u tissalvagwardja s-siti uniċi li jarrikkixxu l-pajsaġġi Maltin u Għawdxin, filwaqt li tiżgura li jibqgħu simboli dejjiema tal-istorja kollettiva tagħa.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Il-lista sħiħa tal-proprjetajiet li ġew miżjuda dan l-aħħar fl-inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,420, datata 11, April, 2025 (G.N. 572).
Krediti tar-ritratti (Mystique Complex):