299 Żieda Ġdida fl-Inventarju Nazzjonali biex Nagħlqu is-Sena
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tinsab kburija li ħabbret l-inklużjoni ta’ 299 niċċa devozzjonali madwar Malta u Għawdex fl-Inventarju Nazzjonali!
Niċeċ devozzjonali huma xbiha familjari fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti. Tipikament, dawn in-niċeċ ikunu integrati fil-faċċati ta’ bini antik, jew inkella wieqfin bħala strutturi indipendenti. Żvilupp kontemporanju xi kultant iwassal ukoll biex niċeċ antiki jiġu inkorporati f’bini ġdid.
Storikament, dawn in-niċeċ huma attribwiti kemm għal skulturi lokali tas-sengħa kif ukoll għan-nies komuni, li tirrifletti taħlita ta’ sengħa artistika u fidi komunali. Il-biċċa l-kbira tan-niċeċ huma ddedikati lil personaġġi ta’ importanza reliġjuża profonda, bħall-Madonna, Ġesu’ Kristu, u qaddisin patruni bħal San Rokku u San Pawl. Irrispettivament mill-oriġini tagħhom, dawn in-niċeċ nħolqu bħala atti ta’ devozzjoni, li jservu kemm bħala għeliem spiritwali kif ukoll spazjali.
Il-valur tagħhom għall-wirt nazzjonali jmur lil hinn mill-appell artistiku u estetiku tagħhom. Dawn in-niċeċ huma integrali għall-identita’ kulturali tal-Gżejjer Maltin, u jimmarkaw il-pajsaġġ bħala simboli ta’ wirt kollettiv. Huma intrinsikament marbuta mat-tradizzjonijiet Kattoliċi ta’ Malta u jikkontribwixxu għall-karattru kulturali distint tal-gżejjer.
Din l-inklużjoni fl-Inventarju Nazzjonali tibni fuq il-ħidma passata sabiex jiġu ddokumentati u ssalvagwardjati dawn it-teżori kulturali, u timmarka it-tmiem ta’ proġett mibdi ‘l fuq min għaxar snin ilu. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tibqa’ impenjata li tirrikonoxxi u tipproteġi n-niċeċ li jiksu l-pajsaġġi Maltin u Għawdxin, biex jibqgħu ppreservati bħala markaturi dejjiema tal-istorja komuni tagħna,
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Il-lista sħiħa tal-proprjetajiet li ġew miżjuda dan l-aħħar fl-inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,356, datata 6, Diċembru, 2024 (G.N. 640).