Sebgħa u tletin (37) inklużjoni fl-Inventarju Nazzjonali
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħabbret iż-żieda ta’ sebgħa u tletin proprjeta’ u elementi ta’ valur ta’patrimonju kulturali fl-Inventarju Nazzjonali. Numru minn dawn il-proprjetajiet kienu ġew skedati f’dawn l-aħħar snin fuq proposta tas-Sovrintendenza, filwaqt li l-oħrajn ġew proposti għall-iskedar iżda t-talba għadha pendenti. Dawn huma eżerċizzji ta’ skedar li s-Sovrintendenza għamlet f’dawn l-aħħar tliet snin (u l-gradi ta’ protezzjoni jvarjaw minn Grad 1, Grad 2 u Grad 3).
Dawn il-proprjetajiet u elementi ta’ valur kulturali jinkludu bini residenzjali privat ta’ valur eċċezzjonali, bħal Aedis Danielis fiż-Żejtun u Dar il-Bebbux f’Ħal-Għaxaq, kif ukoll strutturi ta’ funzjoni storika bħat-Torri Vendome fiż-Żejtun u it-Torri tal-Ilma tal-Biċċerija fil-Marsa. Barra minn hekk, iż-żidiet jinkludu wkoll strutturi bħal għajn tal-bhejjem li tinsab iż-Żejtun u id-dħul tal-Empire Stadium fil-Gżira.
Is-Sovrintendenza tfakkar lill-qarrejja li l-Inventarju Nazzjonali huwa separat mill-proċess ta’ skedar tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, fejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha l-awtorita’ u d-dmir li tikkura inventarju nazzjonali tal-propjeta’ ta’ valur kulturali f’Malta. Madankollu, is-Sovrintendenza tista’ tirrakkomanda il-proprjetajiet u elementi ta’ valur kulturali għall-iskedar lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, sabiex jinkludihom f’saff addizzjonali ta’ protezzjoni.
Din iż-żieda għalhekk issaħħaħ il-valur inerenti ta’ dawn il-proprjetajiet u elementi ta’ valur ta’ patrimonju kulturali eċċellenti li mhux biss jistħoqqilhom rikonoxximent fl-inventarju nazzjonali, iżda wkoll l-iskedar tagħhom.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (kif emendat), huwa imperattiv li wieħed jinnota li kwalunkwe żvilupp jew intervent fuq dawn il-proprjetajiet jeħtieġ approvazzjoni mis-Sovrintendent minn qabel. Barra minn hekk, li tikkaġuna ħsara lil kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet inklużi fl-inventarju, anki jekk ikunu privati, huwa strettament ipprojbit u jikkostitwixxi reat punibbli bil-liġi.
Is-Sovrintendenza tħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur l-interfaċċa tal-GIS fuq il-websajt tagħna, li mhux biss isservi bħala portal ta’ informazzjoni għas-siti kollha li jinsabu fl-Inventarju Nazzjonali, iżda tista’ wkoll faċilment tenfasizza l-aħħar żidiet meta tagħżel “Latest Entries” fuq in-navigatur tax-xellug.
L-Inventarju Nazzjonali huwa reġistru tal-patrimonju kulturali kkurat u kkompilat mis-Sovrintendenza bħala wieħed mill-funzjonijiet tagħha stabbiliti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445).
Il-lista sħiħa tal-proprjetajiet li ġew miżjuda dan l-aħħar fl-inventarju tinsab fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 21,248, datata 24, Mejju, 2024 (G.N. 640).