It-Tabella ikonika ta’ HMV ser tiġi irrestawrata u irreplikata
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qiegħda taħdem mill-qrib mal-propjetarji ta’ D’Amato Records u l-konservatur maħtur biex tiżgura l-preservazzjoni u r-restawr tat-tabella ikonika ta’ HMV, li dan l-aħħar ġarbet ħsarat fil-Belt Valletta.
Il-Ħamis wara nofsinhar, is-Sovrintendenza ssorveljat b’reqqa ż-żarmar u t-tniżżil ta’ din it-tabella. Dan il-proċess, esegwit skont metodoloġija maqbula mal-konservatur, kien jinvolvi l-irbit tat-tabella biex tiġi żgurata s-sikurezza tagħha waqt ix-xogħol, iż-żarmar tal-punti t’ ankraġġ mill-ħajt, u mbagħad it-tabella titniżżel bil-mod mal-art bl-użu ta’ krejn. It-tabella u l-partijiet laxki jew miksura tagħha ġew imgeżwra f’materjali ta’ grad ta’ konservazzjoni biex jiġu protetti waqt it-trasportazzjoni lejn laboratorju għal aktar studju u interventi ta’ konservazzjoni.
Ladarba tkun restawrata, it-tabella oriġinali ser tkun esibita ġewwa l-ħanut, b’ replika ppjanata li tiddendel barra minflok l-oriġinali.
Ix-xogħol kollu qed jimxi taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.