
Iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil Ġdid bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Forzi Armati ta’ Malta
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) u l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) iffirmaw Memorandum ta’ Qbil (MtQ) nhar it-30 ta’ April 2026, li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom biex iħarsu l-patrimonju kulturali ta’ Malta, b’mod partikolari fl-ilmijiet territorjali tagħha.
Il-ftehim jirrifletti l-impenji ta’ Malta skont il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2001 dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt l-Ilma u skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tal-Ġnus Magħquda (UNCLOS, United Nations Convention on the Law of the Sea), u jsaħħaħ l-isforzi kkoordinati għas-sorveljanza u l-ħarsien tas-siti tal-patrimonju fil-baħar u tul ix-xtajta.
Bħala l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-patrimonju kulturali, l-SCH tindika s-siti tal-patrimonju kulturali taħt l-ilma bħala żoni protetti. Dawn l-avviżi jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra minn hekk l-SCH tieħu ħsieb iżżomm l-inventarju nazzjonali aġġornat. B’din is-sħubija, l-SCH se taqsam tagħrif relevanti mal-AFM, ħalli b’hekk l-uffiċjali jkunu jistgħu jidentifikaw u jipproteġu dawn is-siti waqt li jwettqu dmirijiethom madwar l-ibħra u l-kosta ta’ Malta.
Fejn jiġi identifikat xi patrimonju kulturali li ma kellniex rekord tiegħu, jew fejn tiġi osservata attività suspettuża li jista’ jkollha impatt fuq dawn is-siti, l-AFM se taħdem mill-qrib mal-SCH biex flimkien jaċċertaw li tittieħed azzjoni xierqa biex jitħares il-wirt nazzjonali tagħna.
Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jirrapporta kull skoperta jew attività suspettuża b’rabta mal-patrimonju kulturali permezz tas-sit elettroniku tal-SCH fuq schmalta.mt, fil-parti “Irrapporta Skoperta”, jew għandu jikkuntattja lill-AFM jekk isib xi materjal li jista’ jitqies bħala munizzjon mhux splodut (UXO).
Din il-kollaborazzjoni tirrappreżenta pass importanti fit-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali permezz tas-sorveljanza koordinata u l-qsim tal-informazzjoni ma’ xulxin.




