Sejba ta’ Qabar Puniku f’Birkirkara
F’Settembru tal-2024, saret sejba arkeoloġika sinifikanti waqt xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek qrib l-Isptar Mater Dei f’ Birkirkara. Waqt li kienu qed iħejju s-sit għall-installazzjoni ta’ linja ġdida tal-ilma tax-xorb, il-ħaddiema kixfu kamra maqtugħa fil-blat (rock-cut chamber) li rriżulta li kienet parti minn kumpless ta’ qabar Puniku antik.
Grazzi għall-kollaborazzjoni li għaddejja bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH), il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, u Infrastructure Malta, issa għaddejja ħidma biex tiġi żgurata l-preservazzjoni ta’ din is-sejba notevoli.
Azzjoni Preventiva fl-Istadju ta’ Konsultazzjoni
L-SCH ilha impenjata b’mod attiv ma’ dan is-sit mill-2021, meta ġiet sottomessa applikazzjoni għall-ippjanar tal-iżvilupp ta’ parkeġġ temporanju għall-isptar tal-onkoloġija. Għalkemm il-parkeġġ innifsu kien jeħtieġ biss l-ipparkjar fil-livell tat-triq, kien meħtieġ qtugħ minuri tal-blat biex tinħoloq triq skadata u servizzi assoċċjati taħt l-art. Filwaqt li nnotat s-sensittivita’ arkeoloġika taż-żona, l-SCH ħarġet kundizzjonijiet ta’ monitoraġġ arkeoloġiku li bdew mal-għoti ta’ permess ta’ żvilupp mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Dan l-approċċ fl-istadju ta’ konsultazzjoni żgura li moniter arkeoloġiku maħtur mill-SCH kien fuq il-post, lest biex jieħu azzjoni immedjata meta kamra maqtugħa fil-blat (rock-cut chamber) inkixfet bla mistenni matul ix-xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek.
Jinkixef Kumpless ta’ Qabar Puniku
Tim tas-Sovrintendenza ngħaqad mal-monitor arkeoloġiku fuq il-post biex isir l-iskavar, l-interpretazzjoni, id-dokumentazzjoni, u l-estrazzjoni tal-fdalijiet umani u l-oġġetti li nstabu fuq il-post.
Aktar stħarriġ żvela li l-kamra kienet parti minn qabar ta’ żmien Puniku u Ruman, li kien jikkonsisti fi tliet kmamar tad-dfin (burial chambers) konnessi b’ xaft ċentrali. Id-daħliet għal dawn il-kmamar kienu għadhom issiġillati biċ-ċangaturi oriġinali tal-ġebel tagħhom, stat ta’ preservazzjoni straordinarju għal qabar ta’ aktar minn 2,000 sena.
Malli daħlu fl-ewwel kamra, l-arkeologi skoprew fdalijiet skeletali u kollezzjoni ta’ oġġetti funerarji. Permezz ta’ lakuni dojoq fiċ-ċangaturi, setgħu jaraw fdalijiet u artefatti simili fiż-żewġ kmamar l-oħra. Dawn l-iskoperti kkonfermaw l-użu antik tal-qabar, li jmur lura madwar 2,300 sena għall-perjodu Puniku. Xi artefatti, madankollu, jagħtu ħjiel dwar l-użu kontinwu matul il-perjodu Ruman bikri, u jestendu l-iskeda ta’ żmien tas-sinifikat ta’ dan il-qabar.
Skavar u Preservazzjoni
Matul ġimagħtejn, tim ta’ arkeoloġisti u osteoloġisti tal-SCH ħaffru bir-reqqa dawn il-kmamar tad-dfin (burial chambers). Il-fdalijiet umani kienu primarjament inummazzjonijiet (inhumations), b’xi fdalijiet kremati maħżuna fl-urni. Ħafna mill-għadam ġie rranġat b’mod sistematiku, u dan jissuġġerixxi li dfin aktar antik seta’ ġie organizzat mill-ġdid meta sar dfin aktar riċenti. Kull kamra kien fiha numru ta’ inummazzjonijiet (inhumations) – Chambers 2 u 3 kellhom mill-inqas sitta, filwaqt li Chamber 1 kien fiha minimu ta’ tnejn. Barra minn hekk, instabu urni tal-kremazzjoni u kollezzjoni modesta ta’ oġġetti ta’ dfin, li pprovdew għarfien siewi dwar il-prattiki tad-dfin tal-perjodu.
Aktar Studji u Konservazzjoni
L-artefatti u l-fdalijiet umani tneħħew bir-reqqa u ġew trasferiti fil-laboratorju tal-SCH għal tindif, konservazzjoni, u studju dettaljat. Issa li huma stabbilizzati fl-ambjent ikkontrollat tal-laboratorju SCH, l-artefatti se jgħaddu minn aktar eżaminazzjoni. Studju preliminari tat-tipoloġija tal-oġġetti tad-dfin, kif ukoll analiżi osteoloġika tal-għadam, se jipprovdu informazzjoni importanti dwar l-individwi midfuna fil-qabar, bħall-età, is-sess, is-saħħa tagħhom, u kwalunkwe evidenza ta’ trawma jew mard.
Barra minn hekk, l-SCH tittama li tiżgura finanzi għal studji aktar avvanzati, inklużi l-carbon dating (C14) u l-analiżi tad-DNA antika (ancient DNA analysis) (aDNA), li jistgħu joffru għarfien aktar profond dwar l-istorja tal-komunita’ midfuna.
Sforz Kollaborattiv għas-Salvagwardja tal-Wirt
Is-sejba ta’ dan il-qabar Puniku tenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni fost l-entitajiet tal-istat biex jitħares il-wirt kulturali ta’ Malta. L-SCH qed tkompli taħdem mill-qrib mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u Infrastructure Malta biex tiżgura li l-qabar jiġi ppreservat kollu kemm hu, bi pjanijiet biex jingħata aċċess permanenti u kkontrollat għas-sit.
Dan il-proġett huwa xhieda tal-qawwa tal-kollaborazzjoni fis-salvagwardja tal-fdalijiet tal-passat għani ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jistudjaw u japprezzaw.