Niżvelaw l-Istorja: L-Istaġun Inawgurali tal-Iskavar fil-Bidnija
Dan is-sajf jimmarka l-ewwel staġun ta’ skav arkeoloġiku interessanti fil-Bidnija, proġett kollaborattiv bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan il-proġett, mhux biss ifittex li jesplora u jifhem dan is-sit antik, iżda joffri wkoll opportunità siewja ta’ taħriġ għall-istudenti tal-arkeoloġija fl-Università ta’ Malta.
Sforz Kollaborattiv fl-Oqsma tal-Bidnija
L-iskav ta’ din is-sena ffoka fuq żoni magħżula strateġikament wara stħarriġ fl-oqsma tal-Bidnija. L-uffiċjali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) kellhom rwol ċentrali, fejn issorveljaw tnejn mill-erba’ trinek esplorattivi li nfetħu. L-esperjenza u l-kompetenza tagħhom mhux biss żguraw l-eżekuzzjoni tal-iskav, iżda pprovdew taħriġ fuq il-post lill-istudenti, kif ukoll iggwidaw lis-sħab fil-proġett, li iffaċilita l-esplorazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ diversi skoperti u inkontri.
Għall-istudenti tal-arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, dan l-iskav huwa opportunità biex jinvolvu ruħhom f’taħriġ prattiku fuq il-post. Taħt il-gwida ta’ arkeologi esperjenzati mill-SCH u Heritage Malta, l-istudenti qed jitgħallmu l-intriċċi tal-iskavar, l-immaniġġjar ta’ artefatti, u l-proċessi ta’ dokumentazzjoni. Din l-esperjenza prattika hija kruċjali għall-iżvilupp akkademiku u professjonali tagħhom, u b’hekk jitnaqqas id-distakk bejn it-teorija fil-klassi u l-prattika arkeoloġika fid-dinja reali.
Konklużjoni tal-Ewwel Staġun
Hekk kif dan l-istaġun ta’ skavar wasal fi tmiemu, l-isforzi kollaborattivi taw progress sinifikanti. Il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha l-għan li ssawwar għarfien siewi u tkabbar il-fehim tagħna tal-istorja.
Uffiċjali oħra tal-SCH żaru dan is-sit, bil-għanli jinfurmaw ruħhom mill-kollegi tagħhom u li josservaw l-iżvolġiment tal-iskav. Dawn iż-żjarat kienu strumentali biex jitrawwem fehim aktar profond tal-ħidma li qed titwettaq u tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dan l-għarfien u l-kompetenzi fost is-sħab kollha tal-proġett.