
Obbligu li Jiġu Rrapportati Dgħajjes Tradizzjonali Abbandunati jew li Qegħdin
Jiddeterjoraw
- Date September 1, 2026
- Categories Ahbarijiet
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (iktar ’il quddiem “is-Sovrintendenza”) tavża lill-Kunsilli Lokali, il-Kooperattivi, l-NGOs u l-Organizzazzjonijiet Volontarji kollha li għandhom aċċess għallkosta bl-obbligu tagħhom li jinfurmaw lis-Sovrintendenza dwar kwalunkwe inġenju tal-baħar tradizzjonali li jinstab abbandunat, mitluq, jew fi stat ta’ deterjorament tul ix-xtajta, fuq l-art tal-kosta, jew fl-ispazji pubbliċi kontigwi, fosthom, iżda mhux biss, luzzijiet, frejgatini, firilli, kajjikki, dgħajjes talpass, dgħajjes tal-latini, u inġenji vernakulari oħra bħad-dgħajjes tar-regatta, il-wejla, ix-xieri u l-bimbu.
Id-dgħajjes tradizzjonali Maltin huma protetti bid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP. 445). Kwalunkwe intervent li jaffettwa l-kundizzjoni tagħhom, inkluż it-tneħħija, ir-rilokazzjoni, id-disponiment minn, jew il-qerda tagħhom jeħtieġ li jiġi avżat minn qabel u jsir skont il-gwida tas-Sovrintendenza u wara l-approvazzjoni finali tagħha.
Upon identifying such vessels, Local Councils are required to:
- Javżaw lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minnufih, filwaqt li jagħtuha l-post preċiż (fejn possibbli, il-koordinati tal-GPS), ritratti, u deskrizzjoni fil-qosor ta’ f’liema kundizzjoni jinsab l-inġenju tal-baħar.
- Joqogħdu lura milli jneħħu jew jiddisponu mill-inġenju tal-baħar sakemm is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali toħroġ direzzjoni bil-miktub dwar l-evalwazzjoni, il-ħarsien, jew kwalunkwe azzjoni awtorizzata.
- Jipprovdu lill-uffiċjali tas- Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali b’aċċess biex jispezzjonaw, jiddokumentaw, u jiddeterminaw il-valur kulturali.
- Jiżguraw li fl-interim l-inġenju jiġi mħares biex jiġi evitat aktar deterjorament, vandaliżmu, jew ċaqliq qabel ma ssir l-evalwazzjoni.
Min ma josservax l-obbligi deskritti hawn fuq jista’ jkun soġġett għal proċeduri skont l-Artikolu 70 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali peress li tali azzjoni tikkomprometti l-protezzjoni tal-patrimonju marittimu sinifikanti fuq livell nazzjonali.
Kull komunikazzjoni marbuta ma’ dgħajjes tradizzjonali abbandunati jew li qegħdin deterjorati għandha tiġi indirizzata lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fuq:
Email: [email protected] filwaqt li jiġi kkopjat [email protected]
Telefon: +356 23950000
Is-Sovrintendenza tapprezza l-kooperazzjoni tal-Kunsilli Lokali kollha biex inħarsu l-patrimonju marittimu ta’ Malta u naċċertaw li d-dgħajjes tradizzjonali, parti mill-pajsaġġ kulturali tagħna li xejn ma jista’ joħdilha postha, jiġu protetti għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.



