Skema ta’ Finanzjament għar-Restawr ta’ Artefatti Mobbli
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħabbret uffiċjalment l-inawgurazzjonital-iskema ta’ restawr ta’ wirt kulturali mobbli tal-Knejjes Parrokkjali li jaqgħu taħt l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex.
Is-Sovrintendenza b’kollaborazzjoni u ftehim ma’ Arts Council Malta, ser tkun qed tamministra din l-iskema fejn qed jiġi allokat baġit ta’ €83,000.
Din l-iskema ser tkun qed tiffoka fuq dawk l-oġġetti li għandhom il-fuq minn 50 sena, u li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ Wirt Kulturali, hekk kif deskritt fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Il-wirt kulturali mobbli, jista’ jinkludi, iżda mhux limitat għal pitturi, tessuti, statwi, linef u artifatti kulturali oħra.
Biex wieħed jikkwalifika u jibbenefika minn din l-iskema, irid ikun irreġistrat mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, skont it-termini tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji. Għaldaqstant l-applikant għandu jkun legalment awtorizzat li jirrappreżenta l-organizzazzjoni.
Dettalji ta’ kif għandha tiġi sottomessa applikazzjoni, inkluż il-lista ta’ dokumenti meħtieġa kif ukoll dettalji oħra, huma spjegati fil-linji gwida li ġew ippreparati għal iskop ta’ din l-iskema. Kull benefiċċjarju ser ikollu l-opportunità li jieħu lura mija fil-mija tal-ispejjeż ta’ restawr, sa massimu ta’ €8,000.
Huwa importanti li wieħed jagħraf li l-preservazzjoni tal-wirt kulturali mobbli mhijiex sempliċiment att ta’ konservazzjoni, iżda hija xhieda tal-apprezzament tagħna għal passat, kif ukoll dedikazzjoni tagħna għall-futur. Dawn l-artifatti jservu bħala rabtiet tanġibbli mal-antenati tagħna, u jqħaqqduna mat-twemmin, tradizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Bħala amministraturi ta’ dan il-wirt, hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li dawn ir-rabtiet ma jitkissrux, u li jkomplu jispiraw il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Is-Sovrintendenza tirringrazzja lil dawk kollha li taw kontribut għall-iżvilupp ta’ din l-iskema għaliex huwa bis-saħħa ta’ dan l-isforz kollettiv li inizzjattivi ta’ dan it-tip jistgħu ikunu possibbli.
Kif tapplika?
Agħfas hawn għal-linji gwida u regolamenti ta’ din l-iskema.
Agħfas hawn għall-mudell tal-applikazzjoni (dan il-mudell huwa biss għall-informazzjoni tiegħek, biex tressaq l-applikazzjoni għandek timla l-formola fuq is-sistema).
Id-data ta’ skadenza hi t-2 ta’ Lulju 2024 f’nofsinhar (12:00). Applikazzjonijiet li jaslu tard ma jistgħux jiġu aċċettati.
Dawk interessati huma mitluba jżuru l-website tal-Kunsill Malti għall-Arti biex japplikaw.