Above & Below Salina – Avveniment b’tema naturali u kulturali għall-JEW 2023
F’din l-edizzjoni tal-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija 2023, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali issiebħet ma’ Heritage Malta u BirdLife Malta.
It-tema ta’ din is-sena iffukat fuq il-wirt naturali u kulturali Malti, fjen viżitaturi għal dan l-avveniment esperjenzaw is-Salina kemm bħala riserva naturali kif ukoll bħala sit kulturali, mżewwaq b’attivitajiet, kemm antropoloġika kif ukoll arkeoloġika, li ġraw maturl il-millenji. Il-viżitaturi kellhom l-opportunita’ li jattendu taħditiet u żjarat gwidati f’dan is-sit estensiv, kif ukoll kellhom i-ċ-ċans li jipparteċipaw f’esperjenza speċjali bil-VR fuq l-arkeoloġija ta’ taħt il-baħar f’Malta. Attivitajiet oħra kienu ukoll għaddejjin matul il-ġurnata bħa; attivitajiet għat-tfal, wirja, u proċessar ta’ sejbiet min skav.
Agħti lemħa lejn il-Programm tal-Attivitajiet għal iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet.


L-avveniment, bl-isem 𝐀𝐛𝐨𝐯𝐞 & 𝐁𝐞𝐥𝐨𝐰 𝐒𝐚𝐥𝐢𝐧𝐚: 𝐀 𝐧𝐚𝐭𝐮𝐫𝐚𝐥 𝐚𝐧𝐝 𝐜𝐮𝐥𝐭𝐮𝐫𝐚𝐥 𝐞𝐱𝐩𝐞𝐫𝐢𝐞𝐧𝐜𝐞, sar fir-Riżerva Naturali tas-Salina, b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u BirdLife. Dan il-jum iċċelebra l-wirt naturali kif ukoll kulturali ta’ Malta, b’enfasi fuq is-Salina bhala rizerva naturali, storkia u teżor kulturali.
L-avveniment beda b’tagħrif minn BirdLife, li serva biex jistabbilixxi l-kuntest tal-attività u spjega fuq ir-rabta bejn l-arkeoloġika ta’ Salina u l-wirt naturali tagħha. Wara dan, is-Sobrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, flimkien mal-Underwater Cultural Heritage Unit ta’ Heritage Malta, taw taħdita oħra li introduċiet lill-viżitaturi għas-suġġett estensiv tal-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar f’ Malta.
Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’esperjenza speċjali ta’ Realtà Virtwali, ipprovduta minn Heritage Malta, li kellha l-għan li ddawwal lill-parteċipanti dwar ir-rikezza tal-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar ta’ Malta, kif ukoll tqanqal l-eċċitament fuq skavi investigattivi bħal dawn. Parti mill-wirja ta’ artefatti misjuba taħt il-baħar inkludit ukoll il-proċess tal-arteffatti wara l-iskavar, li kien jinkludi d-desalinizzazzjoni ta’ musbieħ taż-żejt li nstab reċentement fis-Salina.
L-avveniment kien maħsub biex jesplora kemm il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar ta’ Salina kif ukoll il-wirt naturali u kulturali ta’ fuq l-art. Għaldaqstant, is-Sovrintendenza kellha ukoll stazzjon għall-ipproċessar ta’ fuħħar Ruman li nstab reċentement waqt xogħlijiet fi Triq is-Salini fin-Naxxar. L-artefatti, li jinkludu skutella kbira, borma tat-tisjir b’għatu, platt żgħir u buqar, kienu għalhekk esibiti waqt l-avveniment u kienu qed jgħaddu minn analiżi minn arkeologi tas-Sovrintendenza.
Barra minn hekk, BirdLife Malta organizzat żjarat gwidati fir-Riżerva Naturali ta’ Salina matul il-jum, bil-għan li jedukaw lill-viżitaturi dwar l-importanza naturali u ekoloġika tas-Salina bħala habitat għall-ispeċi tal-għasafar lokali. Dawn iż-żjarat ġew ukoll imfassla biex jenfasizzaw is-sinifikat antropoloġiku u kulturali tal-ġbir tal-melħ.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kellha ukoll wirja fuq BCTHubs biex tippromwovi l-proġett u tgħallem lill-viżitaturi dwar il-miri u l-ambitu tiegħu. Ir-rabtiet tal-proġett ma’ l-esperjenza taħt il-baħar u l-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar integrat perfettament mat-tema prinċipali tal-avveniment. Irriżulta li kienet ta’ suċċess kbir fit-tixrid tal-informazzjoni u fit-tqassim ta’ materjal promotiv.
Attivitajiet għat-tfal, li kienu jinkludu żona żgħira għal-ġbir tal-melħ, kienu għaddejjin matul il-ġurnata kollha.
B’mod ġenerali, l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija kienet ta’ suċċess kbir, b’attivitajiet edukattiv u divertenti, iżda wkoll serviet bħala ispirazzjoni għas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex tkompli tħaddan il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tagħna.
